Vittoriosa Stars

Per Ludos ad Astra

Vittoriosa Stars fl-ewwel round tal- U-Bet Trophy

Vittoriosa Stars   1   Melita FC   0

Vittoriosa għaddew għall-ewwel rawnd tal-U*BET FA Trophy wara li f’konfront kontra tim ieħor mill-Ewwel Diviżjoni, Melita, ħarġu rebbieħa b’gowl uniku skorjat fil-bidu tal-ħin barrani.
B’hekk Vittoriosa pattew xi ftit għad-diżappunt fil-kompetizzjoni Knock-Out tal-Ewwel Diviżjoni meta l-istess bħall-avversarji tagħhom spiċċaw f’qiegħ il-grupp. F’din il-partita, Vittoriosa taw id-debutt lill-aħħar żewġ akkwisti tagħhom ir-Rumen Leontin Chitescu u lin-Niġerjan b’passaport Portugiż, Henry Makinwa.

Melita ħarġu aħjar mill-avversarji u kienu huma li ħolqu l-ewwel azzjoni denja meta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Julian Galea għadda għoli. Melita komplew jinsistu u ftit wara Kane Micallef ipprova jdur mal-goalkeeper avversarju li però inxteħet f’saqajh u ħadlu l-ballun.

It-tim immexxi minn Martin Gregory kompla jkun avventuruż u fis-26 minuta free-kick ċentrali ta’ Kane Micallef ġie salvat minn Henry Bonello. Żewġ minuti wara f’azzjoni oħra ta’ Melita, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Nigel Rizzo ġie salvat mill-goalkeeper Henry Bonello. Man-nofs siegħa logħob waslet l-ewwel azzjoni min-naħa ta’ Vittoriosa meta Henry Makinwa għadda tajjeb mal-linja, ikkrossja lejn Michael Borg Olivier li wasal tard biex iċ-ċans intilef. Wara din l-azzjoni l-logħba naqqset ftit mir-ritmu tant li sa tmiem l-ewwel taqsima l-ebda tim ma rnexxielu joħloq periklu fuq il-lasta avversarja.

Wara l-mistrieħ Vittoriosa ħarġu aktar aggressivi u fit-48 minuta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Henry Makinwa wara azzjoni konfuża fil-kaxxa ta’ Melita ġiet maqlugħa minn fuq il-linja minn George Gribbon. Fis-57 minuta Vittoriosa reġgħu kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta xutt fil-baxx ta’ Henry Makinwa deher dieħel fix-xibka iżda l-ballun ġie għal darb’oħra maqlugħ minn fuq il-linja minn Luke Fenech.

Vittoriosa komplew jattakkaw u fid-69 minuta korner insidjuż ta’ Gary Inguanez ġie kklerjat barra l-kaxxa minn Matthew Sapiano u mir-rebound ix-xutt ta’ Clayton Micallef għadda għoli. Żewġ minuti wara fuq in-naħa l-oħra kienu Melita li għoddhom fetħu l-iskor meta daqqa ta’ ras ta’ George Gribbon ġiet imdawwra għal korner b’mod brillanti minn Henry Bonello. Fit-82 minuta f’azzjoni sabiħa ta’ Melita, lob mill-viċin ta’ Julian Galea ġie salvat mill-goalkeeper ta’ Vittoriosa filwaqt li minuta biss wara kien Henry Makinwa li resaq viċin meta x-xutt b’saħħtu tiegħu għadda ftit barra biex bl-iskor baqa’ ma nfetaħx u l-logħba marret fil-ħin barrani.

Erba’ minuti mill-ftuħ tal-ħin barrani Vittoriosa fetħu l-iskor meta wara azzjoni ta’ Henry Makinwa, il-ballun wasal f’saqajn GARY INGUANEZ li wara li kkontrolla għeleb lil Matthew Sapiano b’xutt għar-rokna. Fit-13-il minuta Vittoriosa spiċċaw jilagħbu bi plejer anqas wara li r-referee wera t-tieni karta safra lil Charles Cachia. Melita pprovaw jagħmlu reazzjoni u ftit qabel intemmet l-ewwel taqsima tal-ħin barrani xutt mill-bogħod ta’ Mark Attard għadda ftit barra.

Fit-tieni taqsima tal-ħin barrani, minkejja li kienu qed jilagħbu bi plejer anqas, Vittoriosa kkontrollaw lill-avversarji tagħhom biex nhar il-Ħadd jilagħbu fl-ewwel rawnd tal-FA Trophy kontra Dingli Swallows.

VITTORIOSA.S: Henry Bonello, Justin Camilleri, Brandon Bonnici, Jonathan Xerri, Jeffrey Chetcuti, Elton Vella, Charles Cachia, Gary Inguanez (Justin Felice 118), Michael Borg Olivier (Clayton Micallef 45), Leontin Chitescu, Henry Makinwa

MELITA: Matthew Sapiano, George Gribbon, Malcolm Mamo, Michael Martin, Kane Micallef, Nigel Rizzo (Mark Attard 91), Johan Galea, Jonathan Mifsud, Luke Fenech, Luke Micallef (Luke Sammut 99), Ives Bilocca (Nicolo Baldacchino Orland 105
)

Eleminati wara l-ghoti tal-Penalties

Vittoriosa.S   4   Dingli.S   5 *wara l-ghoti tal-penalties
 
 
F’logħba bilanċjata, Dingli Swal­lows irnexxielhom jikkwalifikaw għat-tieni rawnd tal-U*BET FA Trophy meta għelbu lit-team tal-Ewwel Diviżjoni, Vittoriosa Stars 5-4 bl-għoti tal-penalties wara li sal-ħin barrani l-iskor baqa’ dak ta’ 2-2.
Matul l-ewwel taqsima l-lo­għob kien wieħed bilanċjat b’Din­gli jkunu l-aktar perikolużi bl-ewwel azzjoni tagħhom tasal fit-tmien minuta meta xutt ta’ Joseph Okonkwo, minn barra l-kaxxa, għadda ftit barra.

Fuq in-naħa l-oħra, Clayton Mi­callef falla ċans tajjeb fit-23 minuta meta minn pożizzjoni ideali xxuttja barra wara pass ta’ Leontin Chitescu.

Fid-29 minuta u fit-33 minuta Henry Bonello salva fuq xuttijiet ta’ Okonkwo u Haruna Doda rispettivament, filwaqt li fl-40 mi­nuta Clint Caruana ttanta xortih minn tarf il-kaxxa bix-xutt tiegħu jispiċċa għoli.

Fl-ewwel azzjoni perikolużi tat-tieni taqsima l-Iswallows fetħu l-iskor meta fis-60 minuta, minn corner ta’ Kurt Formosa, Okonkwo kompla lejn Caruana li x-xutt tiegħu kien salvat parzjalment minn Bonello, u pront daħal HARUNA DODA li mill-qrib xeħet ġewwa.

L-Istars ma qagħdux lura u fit-73 minuta huma għamlu l-is­kor indaqs b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ ta’ MICHAEL BORG OLIVIER wara cross ta’ Clayton Mi­callef.

Però huma ma tantx damu biex reġgħu sabu ruħhom fi żvan­taġġ, tant, li erba’ minuti wara Dingli Swallows reġgħu marru fil-vantaġġ.

Minn freekick mil-lemin ta’ Dino Cachia, CHRISTOPHER AZZOPARDI għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras għeleb lill-gowlkiper Henry Bonello.

Hekk kif kollox kien qed jindika rebħa minima tal-Iswallows, fis-87 minuta, Vittoriosa għamlu l-iskor 2-2 biex sfurzaw il-ħin barrani.

Minn freekick ta’ Elton Vella, HENRY MAKINWA tefa’ l-ballun fix-xibka b’daqqa ta’ ras.

Fil-ħin barrani ż-żewġ timijiet ħolqu azzjonijiet li minnhom setgħu marru fil-vantaġġ, iżda l-ebda wieħed minnhom ma rnex­xielu jagħmel dan.

Fil-119-il minuta l-Istars spiċċaw jilagħbu bi plejer anqas meta tkeċċa Jonathan Xerri għal daħla kerha fuq Christopher Azzopardi.

Fl-għoti tal-penalties, għal Din­gli Swallows skorjaw Renato Coneicao, Justin Muscat, Kurt Formosa u Shawn Tellus, filwaqt li Roderick Spiteri ra x-xutt tiegħu salvat minn Bonello.

Min-naħa ta’ Vittoriosa, Hen­ry Makinwa, Clayton Micallef, Johann Spiteri u Justin Camilleri skorjaw mill-11-il metru filwaqt li Jeffrey Chetcuti u Elton Vella kellhom ix-xutt tagħhom salvat minn Ivan Cassar.

VITTORIOSA.S: Henry Bo­nello (Alex Camilleri 72), Justin Camilleri, Jonathan Xerri, Jeffrey Chetcuti, Brandon Bonnici, Beppe Muscat, Clayton Micallef, Leontin Chitescu (Johann Spiteri 72), Elton Vella, Michael Borg Olivier (Justin Felice 90), Henry Makinwa.

DINGLI.S: Ivan Cassar, Clint Caruana (Roderick Spiteri 75), Renato Garcia Conceicao, Shawn Tellus, Justin Muscat, Haruna Doda (Dylan Zarb 71), Kurt Formosa, Victor Fiteni, Dino Cachia, Kevin Borg (Christopher Azzopardi 68), Joseph Okonkwo

 

 

Idhol Membru

Merhba

Merhba fis-sit ta Vittioriosa Stars. F'din is-sit issibu dak kollu li ghandu x'jaqsam ma Vittoriosa Stars. Inheggukon biex izzuru spiss din is-sit u thallu il-kumenti u suggerimenti taghkom fil-Guestbook taghna.

Loghob li jmiss:

No upcoming events

Join Us